L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet minn żewġ studenti tal-mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, fis-26 ta’ Jannar 1931. Fl-istess sena bdew joħorġu Leħen il-Malti, rivista li għadha toħroġ sal-lum. Matul is-snin, l-Għaqda tmexxiet minn għadd ta' personaġġi prominenti fil-Malti bħal Pietru Pawl Saydon, Ġużè Aquilina, Dun Karm Sant, u Oliver Friggieri. F’dawn l-aħħar snin, l-Għaqda fittxet li tinvesti aktar fi proġetti edukattivi u interdixxiplinarji, speċjalment għaż-żgħażagħ. Kabbret ukoll in-numru ta’ membri u n-numru ta’ segwaċi fuq il-mezzi soċjali billi ħolqot materjal informattiv u interessanti fuq il-lingwa u l-letteratura Maltija.
Minbarra l-paġna ewlenija tagħha fuq Facebook, l-Għaqda tal-Malti tmexxi wkoll il-paġni fuq Facebook ta’ Ġużè Bonnici u Rużar Briffa – iż-żewġ fundaturi tagħha. Għandha wkoll profil fuq Instagram.
Matul is-snin, l-Għaqda ħarġet diversi pubblikazzjonijiet. Biss biss kull sena tippubblika Leħen il-Malti, rivista li tiġbor fiha poeżiji, novelli, studji akkademiċi, u traduzzjonijiet li jintagħżlu minn Bord Editorjali li kull sena tinbidel.
Xogħlijiet oħra aktar riċenti huma: L-Oħla Kelma u Stejjer Oħra (2019) – novelli ta’ Ġużè Bonnici; Metamorfosi (2015), u; Taħżiż, programm ta’ kitba kreattiva b’kollaborazzjoni bejn l-Għaqda u l-Aġenzija Żgħażagħ.
Biex iżżomm ruħha kemm jista’ jkun attiva, l-Għaqda tal-Malti jkollha kalendarju mimli daqs bajda kull sena, b’attivitajiet annwali u attivitajiet oħra li jsiru minn żmien għal żmien.
L-Għaqda dejjem tkun preżenti f’numru ta’ attivitajiet biex iżżomm kuntatt mal-istudenti u mal-membri tagħha. Rappreżentanti mill-Kumitat u voluntiera jattendu għal Freshers’ Week fl-Università, għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed, għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u għall-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Dawn l-aħħar tnejn huma organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. F’dawn l-avvenimenti l-Għaqda jkollha l-post tagħha biex tkun tista’ tippromovi l-pubblikazzjonijiet tagħha u x-xogħol li tkun qed tagħmel matul is-sena.
Attivitajiet oħra annwali huma marbuta mal-Jum Ewropew tal-Lingwi f’Malta, Żanżan Kelma (spelling bee għat-tfal), u #tunattoga... u mbagħad? (taħdita informattiva għall-istudenti biex ikunu jafu x’jistgħu jagħmlu bil-Malti la jiggradwaw).