1926
Din l-Għaqda taf il-bidu tagħha lil żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici. Bħala ħbieb kbar ta' xulxin, kienu jqattgħu ħafna ħin flimkien jistudjaw u jitħaddtu dwar il-letteratura. Fl-1926, Rużar Briffa ppubblika edizzjoni speċjali ta' Il-Malti tal-Għaqda Kittieba tal-Malti bħala 'żjieda għas-sena 1926' bl-arma tal-Università fuq il-faċċata.
1931
Il-ħsieb li titwaqqaf għaqda letterarja universitarja tal-Malti kiber u bil-ħeġġa u l-ħbiberija ta' Franġisk Saver Caruana, fid-19 ta' Jannar Rużar Briffa talab lir-Rettur biex issir l-ewwel laqgħa.
Din saret fis-26 ta' Jannar fl-Aula Magna tal-Università u għaliha kien hemm preżenti 21 student.
Rużar Briffa nħatar l-ewwel President u Ġużè Bonnici kien l-ewwel Segretarju. Bħala kaxxier inħatar Anthony J. Mamo filwaqt li Anton Buttigieg, Walter L. Fava u Kelinu Sammut kienu l-membri l-oħra tal-ewwel kumitat.
F'Marzu ħareġ l-ewwel għadd ta' Leħen il-Malti, ir-rivista tal-Għaqda, bil-kitbiet ta' Briffa, Temi Zammit, Anton Buttigieg u Ġużè Aquilina, fost oħrajn. Intlaqgħet hekk tajjeb li kellhom jagħmlu ristampa.
F'Ġunju tal-istess sena l-Għaqda nediet żewġ konkorsi: wieħed għall-poeżija, li rebħu Ġorġ Pisani u l-ieħor għan-novella, li rebħu Nikol Biancardi. Fl-istess żmien l-Għaqda bdiet ħidma biex tibni librerija Maltija fl-Università.
F'Lulju, l-Għaqda ħabbret li se tiġbor Antoloġija tal-Poeżija Maltija (1600-1845) u l-għażla tħalliet f'idejn Ninu Cremona.
Minħabba l-impenji kbar li ġabet magħha l-professjoni tagħhom bħala tobba, Briffa u Bonnici ma setgħux ikomplu jmexxu l-Għaqda li kienu waqqfu. F'Ottubru ħa l-presidenza Dun Pietru Pawl Saydon, kariga li dam jokkupa sa Jannar tal-1940.
1932
L-Għaqda tistampa Tagħlim il-Malti fl-imgħoddi u llum.
L-Għaqda ġiet sospiża mill-Università minħabba l-kwistjoni tal-lingwa dwar it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel, wara li ssemmiet fil-Parlament. L-Għaqda baqgħet tiltaqa’ f’postijiet oħra, imma sena wara reġgħet bdiet taħdem fl-Università. Tul dan il-perjodu, fuq il-qoxra ta' Leħen il-Malti bdiet tintuża l-arma ta' Malta minflok l-emblema tal-Università.
1936
Saydon u Aquilina joħorgu Ward ta' Qari Malti, l-Antoloġija li tħabbret mill-Għaqda fl-1931. It-tieni ktieb ħareġ is-sena ta' wara u t-tielet ktieb fl-1940.
1940
Wara Saydon ha t-tmexxija f'idejh il-Professur Ġużè Aquilina, li dam 36 sena. Il-ħidma tal-Għaqda u t-tagħlim tal-Malti fl-Università ssaħħu wara li Aquilina nħatar Professur tal-Malti u tal-Ilsna Orjentali fl-Università.
Minkejja t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Għaqda baqgħet taħdem u mill-1940 fetħet it-triq biex jibdew jixxandru programmi letterarji minn fuq ir-Rediffusion.
1945
Bl-inizjattiva tal-Għaqda u bit-tħabrik ta' Ġużè Cassar Pullicino, nhar l-għoti tad-D.Lit. lil Dun Karm, saret il-preżentazzjoni tal-inkwatru taż-żejt bix-xbieha tal-Poeta Nazzjonali lil-librerija tal-Università, xogħol il-pittur Kav. Caruana Dingli.
1946
Titwaqqaf il-Fergħa Drammatika tal-Għaqda tal-Malti - Università bl-għan li jissaħħaħ it-Teatru Nazzjonali Malti. L-ewwel produzzjoni kienet Is-Sengħa tal-Imħabba ta' Ġorġ Pisani fir-Radio City Opera House, il-Ħamrun. Il-Fergħa kienet fi ħsieb Guido Saliba.
1950
Il-Fergħa Drammatika tal-Għaqda bdiet tipproduċi d-drammi ta’ Aquilina fuq il-palk. L-ewwel dramm kien Il-Bniedem li Ċaħdu u oħrajn saru kemm fit-Teatru Manoel kif ukoll fl-Università.
1971
L-Għaqda tal-Malti – Università flimkien mal-Akkademja tal-Malti kixfet irħama fil-Biblijoteka tal-Università biex tfakkar għeluq l-40 sena mit-twaqqif tagħha minn Ruzar Briffa u Ġuzè Bonnici.
1972
Joħrog il-folju Il-Musbieħ.
1976
Ġużè Aquilina jirtira mill-kariga ta' Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Bejn Ottubru 1976 u Novembru 1988, l-Għaqda tmexxiet minn Mons. Prof. Karm Sant, bħala Aġent Kap tad-Dipartiment tal-Malti.
1977
L-Għaqda bdiet torganizza l-Matinèe u Soiree Lyrique u l-Miġemgħa tal-qarrejja u bdiet toħroġ il-folju Min-Nixxiegħa bix-xogħlijiet letterarji tal-membri.
1988
Wara snin wieqfa, il-Prof. Oliver Friggieri reġa' organizza l-Għaqda biex tibda l-attivitajiet mill-ġdid u ssokta l-ħruġ ta' Leħen il-Malti. Għall-ewwel darba nħatar President mill-istudenti: George Said.
Bdiet tintuża l-emblema bil-ktieb u l-weraq tar-rand.
1989
Beda joħrog il-folju Habbâr l-Għaqda tal-Malti . Issir lejla letterarja f'April u lejla ta' mużika u proża bit-tema L-Għanja tal-Baħar f'Novembru.
1990
F'għeluq il-50 sena minn mewtu, Ġużè Bonnici tfakkar b'korteo fuq qabru u lejla mużikoletterarja fil-Mużew tal-Arkeoloġija.
1991
L-Għaqda fakkret lil Pietru Pawl Saydon f'għeluq l-20 sena minn mewtu. Tissemma sala għalih fl-Università u oħra għal Sir Temi Zammit.
1992
L-Għaqda titmexxa minn Mario Cassar u torganizza kors fis-Sengħa tal-Kitba mill-Prof. Oliver Friggieri. Saret lejla letterarja fil-Mitħna ta' Ganu, Birkirkara, bl-għajnuna ta' Gabriel Caruana.
1993
F'Jum l-Għaqda (26 ta' Jannar) ġie inawgurat il-mafkar f'ġieħ Mikiel Anton Vassalli fl-Università, fl-Atriju Vassalli. Għall-istess okkażjoni saru żewġ wirjiet fuq il-ħidma tal-Għaqda, waħda fil-Biblijoteka u l-oħra f'Dar l-Istudent. L-Għaqda organizzat l-ewwel kungress letterarju f'Malta bit-tema Il-Letteratura Maltija mis-Snin Sittin 'l Hawn: Ir-Rabta Bejn l-Awtur u s-Soċjetà. Fl-istess sena sar il-Kors fil-Kitba Kreattiva bl-għajnuna tal-Prof. Oliver Friggieri. Bl-inizjattiva tal-Għaqda, fil-bini l-ġdid tal-Università ssemmew żewġ swali f'ġieħ Erin Serracino Inglott u Francis Ebejer u tnieda Il-Kerjoti ta' Erin Serracino Inglott. Sar ukoll il-bust ta' Dun Karm fl-Università, xogħol l-iskultur Toni Ellul.
Tnieda l-ktieb Francesco Vella (1793-1868) – an unsung protagonist of Maltese language development ta' Dr. Arnold Cassola mal-Istituto Italiano di Cultura.
Mirja – jixxandar fuq Radju Malta 1 f'sensiela ta' 13-il programm bi produzzjoni ta' Marcel Zammit Marmarà.
1994
Carmel Azzopardi maħtur President. L-Għaqda organizzat il-Fiera tal-Ktieb Malti fis-Sala Robert Sammut bit-tema Quo Vadis il-Ktieb Malti?, fil-Furjana. Fl-istess sena kien organizzat it-tieni kungress letterarju bit-tema Ulied in-Nanna Venut fl-Ewropa?: Sfidi Ġodda għall-Kittieb , fil-Phoenicia Hotel, il-Furjana. Fil-kungress sar l-appell biex jitħares l-Ilsien Malti u ftit ġimgħat wara l-Gvern waqqaf il-Bord tal-Ilsien Malti li mir-rapport tieghu tfasslet il-Liġi tal-Malti. L-Għaqda organizzat ukoll il-Kors fil-Kitba Letterarja fi ħsieb il-Prof. Oliver Friggieri.
1994
Carmel Azzopardi maħtur President. L-Għaqda organizzat il-Fiera tal-Ktieb Malti fis-Sala Robert Sammut bit-tema Quo Vadis il-Ktieb Malti?, fil-Furjana. Fl-istess sena kien organizzat it-tieni kungress letterarju bit-tema Ulied in-Nanna Venut fl-Ewropa?: Sfidi Ġodda għall-Kittieb , fil-Phoenicia Hotel, il-Furjana. Fil-kungress sar l-appell biex jitħares l-Ilsien Malti u ftit ġimgħat wara l-Gvern waqqaf il-Bord tal-Ilsien Malti li mir-rapport tieghu tfasslet il-Liġi tal-Malti. L-Għaqda organizzat ukoll il-Kors fil-Kitba Letterarja fi ħsieb il-Prof. Oliver Friggieri.
Tnedew ir-rumanz ta' Frans Sammut Il-Ħolma Maltija u Poeżiji ta' Achille Mizzi mill-Għaqda.
1996
Tnieda Lubien ta' Trevor Zahra. Flimkien mal-Koperattiva Kulturali Universitarja l-Għaqda organizzat L-Għanja tal-Horsun u l-lejla letterarja Merħba fl-istudjows tar-Radju tal-Università.
1997
Tnieda Frekwenzi ta' Spirti fis-Sakra ta' Kenneth Busuttil, Bernard J. Cauchi, Karl Schembri u Karen Vella.
1998
Tnieda Newbiet ta' Frans Sammut.
1999
Dr Josette Attard inħatret President, l-ewwel president mara. Fl-istess sena l-Għaqda ħadmet biex titwaqqaf l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti li minnufih bdiet bosta attivitajiet, fosthom Sagħtejn għall-Kultura u l-pubblikazzjoni ta' Iċ-Ċirkulari għall-għalliema kollha tal-Malti. Saru seba' seminars dwar it-tagħlim tal-Malti.
2000
Inawgurat il-monument ta' Dun Karm fil-Furjana bil-ħidma tal-Għaqda u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, xogħol l-iskultur Toni Ellul. Fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju mill-mewt ta' Ġorg Pisani, l-Għaqda u l-Biblijoteka organizzaw wirja fuq ħajtu. Tnieda Provenz ta' Trevor Żahra u Sajonara ta' Victor Fenech.
2002
Joseph P. Borg inħatar President u fit-3 ta' Lulju l-Għaqda nediet l-ewwel Konferenza Vassalli fl-Atriju Vassalli, l-Università. Dakinhar l-Għaqda ħarġet Stedina ta' Mikiel Anton Vassalli annotata mill-Prof. Manwel Mifsud. Ħarġet ukoll il-ktejjeb Storja tal-Ilsien u l-Letteratura Maltija – kronoloġija selettiva ta' Mario Cassar. Saret it-tnedija ta' Illejla Ismagħni Ftit ta' David Agius Muscat, Clare Azzopardi, Karl Alan Fenech u Stephen Gatt.
L-Għaqda organizzat il-Konferenza Dun Karm tal-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buhagar. It-taħdita saret minn Frans Sammut bit-tema Dun Karm – l-ambjent Żebbugi u lil hinn minnu.
2003
B'ħajr għal għomor b'risq il-Malti l-Għaqda organizzat lejla f'gieħ Ġuzè Cassar Pullicino fil-Biblijoteka tal-Università bit-tnedija tal-edizzjoni l-ġdida ta' Ħaga Moħġaġa u Taħbil il-Moħħ Ieħor. Saret lejla letterarja oħra l-Kalkara f'gieħ Ġan Anton Vassallo. L-Għaqda għenet lil Walter Micallef iniedi s-CD M'jien xejn.
2004
L-Għaqda organizzat it-tieni Konferenza Vassalli, din id-darba fil-Palazz ta' Sant'Anton.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura ħatar lill-Għaqda biex torganizza ċ-ċelebrazzjoni marbuta mal-ħatra tal-Ilsien Malti bħala lsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għal din l-okkażjoni l-Għaqda u l-Istitut tal-Lingwistika nedew Dawl ġdid fuq Vassalli editjat minn Olvin Vella b'wirja speċjali fuq missier l-Ilsien Malti.
Fl-istess sena ħareġ L-edukazzjoni għall-Illuminiżmu f'Vassalli, editjat minn Joseph P. Borg bl-atti tal-ewwel Konferenza Vassalli.
2005
Is-sensiela Ilħna mill-Imgħoddi xxandret mir-radju Campus FM, bi produzzjoni ta' Joseph P. Borg. Wara ħafna snin reġgħu nstemgħu l-ilħna ta' kittieba tal-Malti li kienu rrekordjati mill-Prof. Ġuzè Aquilina.
2006
F'għeluq il-75 sena mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda nediet emblema ġdida u twarrbu l-parentesi mill-isem uffiċjali tagħha.
Ġiet organizzata s-sensiela ta' taħditiet f'Dar l-Istudent, l-Università, bit-tema Il-Kotra u Jien.
L-Għaqda fakkret lil Rużar Briffa b'timbru kommemorattiv, korteo u programm fuq it-televixin bi produzzjoni ta' Where's Everybody? u organizzat sensiela ta' taħditiet f'Dar l-Istudent, l-Università, bit-tema Il-Kotra u Jien.
Bdiet toħroġ iċ-ċirkulari ittrAħbar bl-għan li jinżamm kuntatt kontinwu mal-pubbliku.
L-Għaqda nediet il-ktieb bilingwi ta' Frans Sammut bl-isem Frans Sammut Dwar/On The Da Vinci Code u Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin, it-traduzzjoni tiegħu tal-Motti, Aforismi e Proverbii Maltesi ta' Mikiel Anton Vassalli.
Qelbet is-sit tal-Kunsill Studenti Università għall-Malti.
Flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin, l-Għaqda tal-Malti – Università tniedi Viator Errans – il-poeżiji miġbura ta' Sir George Borg fil-Biblijoteka tal-Università ta' Malta.
L-Għaqda tieħu sehem fil-funeral ta' Ġuzè Chetcuti (20.07.2006) u l-kommemorazzjoni f'ġieħu li saret f'Kastilja u ssellem lil Frans Baldacchino (il-Budaj) u lir-Rev. Prof. Dwardu Fenech wara mewthom.
Issir it-tielet Konferenza Vassalli fi Triq Mamo, Ħaż-Żebbuġ. L-istoriku Karmenu Bonavia joħroġ dokument ġdid fuq Vassalli.
Jitnieda sit ġdid tal-Għaqda tal-Malti – Università.
2008
L-Għaqda tniedi l-ġabra ta' novelli ta' Ġuzè Bonnici.
Din is-sena jitnieda Leħen il-Malti, għadd 31.
2012
L-Għaqda tkompli bil-ħidma tagħha wara li l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Dr Bernard Micallef, sejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja. Dakinhar inħatar kumitat ġdid, u s-Sur Emanuel Psaila ngħata l-kariga ta' President bi qbil unanimu bejn il-membri tal-kumitat.
L-Għaqda torganizza diversi attivitajiet fosthom Anastasju - 50 sena minn mewtu u L-Għaqda għall-Istrina.
Jibdew jinterew films bil-Malti taħt il-kappa ta' filMalti.
Jissaħħu r-rabtiet tal-Għaqda mal-Università permezz ta' attivitajiet li l-Għaqda torganizza jew tieħu sehem fihom fuq il-Kampus, fosthom Freshers' Week u l-Arts Week.
2013
L-Għaqda tikkoordina żewġ programmi ta' kitba kreattiva: Inħarrfu l-Ħrejjef (mat-Teatru Salesjan u s-Salesjani Juniors) u Taħżiż (programm tal-Aġenzija Żgħażagħ, b'koordinazzjoni tal-Għaqda u Fondazzjoni AWL). Matul din is-sena l-Għaqda torganizza t-tnedijiet taż-żewġ proġetti.
Fost fondi oħrajn, l-Għaqda tikseb fondi mill-Premju tal-President għall-Kreattività.
Jinbeda l-proġett Metamorfosi, biex ifakkar il-50 sena mill-mewt ta' Rużar Briffa.
Bi sħab mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, l-Għaqda torganizza l-Jum Ewropew tal-Lingwi f'Malta.
L-Għaqda tieħu sehem għall-ewwel darba fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li waqtu tnieda Leħen il-Malti, għadd 32 u bdiet il-ħidma fuq Leħen il-Malti, għadd 33.
L-Għaqda twaqqaf diversi sottokumitati, fosthom Sinteżi u l-grupp tal-volontiera.
2014
Taħżiż jidħol fit-tieni edizzjoni tiegħu, b'għadd ġdid ta' parteċipanti.
Għall-ewwel darba l-Għaqda, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, torganizza l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus.
L-Għaqda tikseb għadd ta' fondi, fosthom mill-Fond Malti għall-Arti u mill-Aġenzija Żgħażagħ. Tal-aħħar għall-materjal promozzjonali u edukattiv u għal sit ġdid.
L-Għaqda tgħin sabiex tittella' serata ta' kant bil-Malti, Gaetano Kanta: Mill-Balluta sax-Chalet , serata li rnexxielha timla t-Teatru Salesjan kollu għall-ewwel darba.
Għall-ewwel darba, l-Għaqda tieħu l-unur ta' Kokka Attività waqt il-Kokka Night għat-tnedija ta' Leħen il-Malti, għadd 32.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja li matulha ġie approvat statut ġdid, Emanuel Psaila jċedi l-post ta' President u jilħaq Kit Azzopardi.