Rużar Briffa
X'jismek?
Rużar Briffa
Meta twelidt?
Fis-16 ta' Jannar 1906
Fejn twelidt?
Il-Belt Valletta
Fejn studjajt?
Studjajt f'Sant'Iermu, l-iskola elementari tal-Gvern, il-Belt. Komplejt bl-istudji tiegħi l-Liċeo u aktar tard l-Università Rjali ta' Malta, minn fejn ksibt Baċellerat fil-Farmaċewtika fl-1928, Baċellerat fix-Xjenza u l-grad ta' tabib fl-1931. Studjajt ukoll barra minn Malta.
X'kien xogħlok?
Ħdimt ta' lettur, kont uffiċjal inkarigat mil-lebbrużi, assistent uffiċjal mediku fil-Lazzaret, supretendent mediku fl-isptar ta' emergenza tal-Blue Sisters, u konsulent għal diversi entitajiet.
Iżżewwiġt?
Darbtejn. Fl-1933, iżżewwiġt lil Constance Winifrid Dunn, li ħallietna fl-1950. Kellna tifla li semmejnieha Cecilia. Sentejn wara żżewwiġt lil Louisette Attard Bajona.
Kif kont tlaqqa' x-xogħol u l-kitba tiegħek?
Bħala tabib kont niltaqa' mat-tbatija ta' diversi pazjenti, tant li l-ħsus tiegħi dwar dan jgħiduli jixirfu fil-kitbiet, fejn ngħaqqad it-tbatija personali mad-dehra universali tat-tbatija tal-bniedem. Kien hemm min qalli li kont ninqeda bil-poeżija biex nesprimi l-ħajja diffiċli li fiha kulħadd huwa waħdu u l-bniedem m'għandux ħila jifhem lilu nnifsu u lil ħaddieħor.
Waħdek kont meta waqqaft l-Għaqda?
Le. Konna jien u Ġuzè Bonnici.
Xi rwol kellek?
Ta' President.
X'kien l-aħħar xogħol li ktibt?
Ballatella tal-Funtana. Insiġtha l-Barrakka ta' Fuq, fuq borża tal-ikel li kont xtrajt mingħand il-Premier u xi jiem wara tajtha lil ħabibi Patri Valentin Barbara.
U fl-aħħar?
Fl-1961 sirt naf li kelli kanċer fil-larinġi iżda bqajt naħdem ta' tabib fl-ispiżerija u bħala lettur sa ftit jiem qabel mitt fid-dar tiegħi l-Belt, fit-22 ta' Frar 1963.
Ġużè Bonnici
Meta twelidt?
Fl-14 t'Awwissu 1907
Fejn twelidt?
Il-Belt Valletta
Fejn studjajt?
Studjajt fl-iskola ta' San Pawl, il-Belt, u wara fis-Seminarju . Aktar tard dħalt l-Università Rjali ta' Malta minn fejn ksibt Baċellerat fix-Xjenza, lawrea fil-Farmaċewtika fl-1927 u l-grad ta' tabib fl-1931.
Semmi żewġ affarijiet għal qalbek.
Il-kitba u saħħet in-nies.
Xi ppubblikajt?
It-Trobbija tat-Tfal (1932) u Il-Ġmiel ta' Ġisimna (1939). Barra minn hekk, kien bdejt nippubblika bosta antoloġiji u kotba oħrajn ta' awturi emerġenti fl-istamperija Excelsior, li kien kont xtrajt jien stess. Fosthom insibu Leli ta' Ħaż-Żgħir, It-Tliet Kotba tal-Għana (b'poeżiji ta' Dun Karm) u Taħt Tliet Saltniet. Mill-1938, beda nippubblika wkoll Ġabra ta' Kitba Maltija
X'jgħidu dwar il-kitba tiegħek?
Jgħidu li jien magħruf għan-novelli u r-rumanzi. Bhala prożatur, jgħidu li kont kreattiv tant li esperimentajt bi stili differenti ta' kitba u espressjonijiet lingwistiċi. Iffokajt fuq il-ħajja soċjali u l-patetiċità tal-ħajja, u hemm ħafna elementi realistiċi ta' żmieni, minsuġa ma' temi u elementi psikoloġiċi.
X'kien xogħlok?
Tabib u stampatur.
Iżżewwiġt?
Fl-1934 iżżewweġ lil Evelyn Testa.
Kellek tfal?
Kellna tlieta; Margaret, May u John.
Waħdek kont meta waqqaft l-Għaqda?
Le. Konna jien u Rużar Briffa.
Xi rwol kellek?
Segretarju. Kont ukoll l-ewwel editur ta' Leħen il-Malti .ż
L-Għaqda ma kinitx l-unika entità li ħdimt għaliha. Veru?
Kont attiv f'għaqdiet oħra bħax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti.
X'kienet ideoloġija tiegħek dwar ilsienna?
Minn dejjem xtaqt li lsien twelidna jkun ilsien ta' kultura, saħansitra użat fil-lingwaġġ intellettwali. Minkejja li kont iħobb ħafna l-Malti, il-letteratura Taljana kienet għal qalbi wkoll.
U fl-aħħar?
Mitt fis-6 t'Ottubru, 1940.